Għal sena oħra Malta se tingħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra minn madwar l-Ewropa biex bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru torganiżża il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dik ta’ din is-sena se tkun waħda speċjali hekk kif ħa tkun il-ħames edizzjoni.
Dan l-avveniment huwa fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u f’kull pajjiż partiċipant jiġi mtella’mill-organiżazzjonijiet sportivi nazzjonali. F’pajjiżna, SportMalta huwa l-koordinatur nazzjonali ta’ din il-ġimgħa sportiva u fl-okkazjoni tal-ħames edizzjoni qed jitħejja programm vast u intensiv t’attivitajiet sportivi li se jilħaq il-gosti ta’ kulħadd.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija waħda mill-għodod li l-Kummissjoni Ewropea ikkreat biex tgħin fil-ġlieda favur l-attività fiżika. L-għan ta’ din il-gimgħa hu li kemm jista’ jkun ċittadini Ewropej jintlaħqu mill-messaġġ #BeActive u jiġu ispirati biex l-attività fiżika, sempliċi kemm hi sempliċi, issir parti minn ħajjithom.
Ta’ kull sena miljuni ta’ ċittadini ewropej jingħaqdu flimkien f’dik li hija meqjusa bħala l-akbar inizjattiva sportiva fl-Ewropa. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun l-ikbar waħda qatt organiżżata b’41 pajjiż parteċipant. Avveniment miftuħ għal kulħadd indipendentement mill-eta’, livell soċjali jew fiżiku.
Malta ħa tieħu sehem b’numru sabiħ ta’ attivitajiet organiżżati kemm minn SportMalta kif ukoll minn organiżazzjonijiet oħra mill-qasam tal-isport, l-edukazzjoni, ċentri tal-fitness u anke postijiet tax-xogħol.
Kif inhi tradizzjoni, f’Malta, din il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tagħlaq uffiċjalment Summer on the Move li għal sena oħra attira numru sabiħ ta’ parteċipanti. Apparti l-għadd kbir ta’ attivitajiet organizzati minn assoċjazzjonijiet u organizazzjonijiet lokali, jispikkaw dawk prinċipali imtella’ minn SportMalta. Fis-6 ta’ Settembru se tigi organizzata attivita’ fil-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq, fejn il-logħob tal-ilma se jkun protagonist.
Se jiġu organizzati wkoll zewġ avvenimenti filgħaxija. L-ewwel wieħed se jsir fl-20 ta’ Settembru fiż-Żejtun filwaqt li fit-28 ta’ Settembru se tiġi organiżżata il-#BeActive Night fil-Kumpless Sportiv ta’ Kirkop b’bosta attivitajiet sportivi għall-familja kollha.
Hemm ukoll il-#BeActive Awards bil-għan li jirrikonoxxu u jippremjaw dawk l-inizjattivi u individwi li jkunu għenu sabiex jippromwovu l-isport u l-attivita’ fiżika madwar l-Ewropa. It-tlett rikonoxximenti huma għall-aħjar inizjattiva fil-qasam edukattiv, fuq il-post tax-xogħol u anke għal dik il-persuna li tkun spikkat fil-ħidma tagħha favur l-isport. Ir-rebbieħ jigi ippremjat fit-18 ta’ Ottubru f’Budapest l-Ungerija, li għal din is-sena intagħżlet bħala l-belt kapitali ewropea tal-isport.
Il-kap eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal “li ninsabu entużjasti sabiex għal sena oħra din il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tkun suċċess mhux biss għall-ammont ta’ attivitajiet organizzati iżda wkoll għall-parteċipazzjoni mill-pubbliku.
L-għan prinċipali jibqa’ dejjem li nipromwovu l-isport u l-attività fiżika bil-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. Attivita’ fiżika li għandha tkun kontinwa matul ħajjitna, li tibda mit-tfulija u tibqa’ għaddejja anke meta nikbru fl-eta’. Għal sena ohra rridu nwasslu l-messaġġ li l-isport isaħħaħ mhux biss l-aspett fiżiku tal-individwu iżda wkoll is-saħħa mentali”.
Related Posts
DANCE FLASHMOB WILL MARK THE START OF THE EUROPEAN WEEK OF SPORT FOR THE FIRST TIME IN VALLETTA The capital will join more...
NATIONAL POOL IS FINALLY RE-OPENING
Please be informed that the National Pool Complex will be open again for the public on Wednesday 8th March. We would like to...