B’riżultat ta’ ftehim bejn SportMalta fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, il-komunità ta’ Ħal Farruġ, li tifforma parti mil-lokalità ta’ Ħal Luqa u li fiha joqogħdu 580 resident, se tkun tista’ tagħmel użu mill-faċilitajiet għall-eżerċizzji fiżiċi li SportMalta għandha f’Ta’ Kandja. L-użu ta’ dawn il-faċilitajiet se jkun mingħajr ħlas u se jkunu eliġibbli għalih persuni li l-età tagħhom hija minn 16-il sena ‘l fuq.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, li kienet preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, iddeskrivietu bħala investiment ieħor li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. “Huma diversi l-fatturi li jikkontribwixxu għal x’livell ta’ kwalità ta’ ħajja jkun qed jgħix il-poplu. Ekonomija soda, servizzi edukattivi u ta’ saħħa, drittijiet ċivili, servizzi soċjali, u servizzi u benefiċċji lil persuni b’diżabilità huma fost dawn il-fatturi, u li ċertament li l-gvern ta aktar minn prova waħda ta’ kemm mexxa lill-pajjiż ‘il quddiem fihom. Xjentifikament u medikament, hu stabbilit li eżerċizzju fiżiku hu kruċjali għall-benesseri tal-individwu. Qed naħsbu għal dan ukoll. Tista’ tgħid li għandna faċilitajiet sportivi f’kull belt u raħal u qegħdin niżviluppaw il-kunċett li nipprovdu apparat għall-eżerċizzi fiżiċi fil-miftuħ b’kordinazzjoni mal-kunsilli lokali u SportMalta biex ikun jista’ jintuża mir-residenti tal-lokalità.”
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li, “Qegħdin inkomplu niżviluppaw il-kunċett li jittejbu l-attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-komunitajiet, bħalma huwa l-ftehim bejn SportMalta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa, li apparti li huma utli ħafna biex dak li jkun iżomm ruħu f’saħħtu, fl-istess ħin iservu wkoll ta’ rilassament mentali, rilassament li jirrendi kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-komunità ta’ Ħal Farruġ se tkun tista’ tibbenefika mill-faċilitajiet għall-eżerċizzji fiżiċi li SportMalta għandha f’Ta’ Kandja.”
Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima rrimarka kif ġimgħa wara oħra, permezz tal-proġetti sportivi fil-komunità, il-gvern qiegħed ikompli juri kemm verament irid itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Is-Segretarju Parlamentari qal li, “L-għan ħolistiku ta’ dawn il-proġetti komunitarji u sportivi huwa li l-poplu jintegra ma’ xulxin filwaqt li jsib ħin biex jeżerċita ruħu u jżomm ruħu attiv kemm jista’ jkun”.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li, bl-għajnuna tal-kunsill lokali flimkien mar-rieda tal-gvern u SportMalta, aktar nies qed jibbenifikaw minn attivitajiet sportivi bla ħlas biex ikollna poplu b’saħħtu.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li SportMalta dejjem tfittex mezzi differenti sabiex tilħaq aktar nies biex jagħmlu attività fiżika. Huwa qal li SportMalta akkwistat dan l-apparat għal attivitajiet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport u poġġiet dan l-apparat għad-dispożizzjoni permanenti tal-pubbliku sabiex jitgawda s-sena kollha.
Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri saħaq li din l-inizjattiva hi waħda pożittiva li se tkun qed tagħti opportunità lir-residenti ta’ Ħal Farruġ biex jagħmlu użu minn din il-faċilità bla ħlas. Is-Sindku ħeġġeġ lir-residenti ta’ Ħal Farruġ sabiex japplikaw għall-sħubija mill-Kunsill Lokali.
Related Posts
National Sports Day 2024 Draws 1000 Students to Marsa Sports Grounds
Marsa Sports Grounds witnessed an exhilarating celebration of athleticism as National Sports Day 2024, organized by...
On the 29th of June Hospice Malta along with SportMalta worked on creating Festa Sport, a collaboration with various Sport...