Illum saret l-inawgurazzjoni uffiċjali tal-Proġett tal-ERDF 339 li huwa proġett li jwassal biex tinħoloq aktar enerġija effiċjenti fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq.
Id-dettalji dwar dan il-proġett ingħataw mill-project leader Dermot Galea li qal li dan il-proġett sar b’investiment totali ta’ €1,156,008, bl-għan ikun li jitħares l-ambjent billi tintuża enerġija alternattiva. Dan qed jgħin biex il-Pixxina, fiż-żmien li ġej, ma tibqax tagħmel telf u tkun ta’ piż fuq il-Gvern u SportMalta. Huwa elenka l-erba’ fażijiet tal-proġett li kienu:
- L-installazzjoni ta’ heat pumps għall-pixxini,
- L-installazzjoni ta’ Variable Refrigerant Flow airconditioning system għall-West Stand, fejn jinsabu l-uffiċini.
- L-installazzjoni ta’ solar collectors li ser ikunu użati biex jissaħħan l-ilma tax-showers fil-Kumpless.
- L-installazzjoni ta’ pool covers għaż-żewġ pixxini
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius beda billi feraħ lit-tim tal-waterpolo li kien għadu kif rebaħ il-logħba kontra t-Turkija waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo u semma kif il-Gvern diġà qed jagħti sostenn kbir lill-isport tal-waterpolo u lill-isport akkwatiku ieħor anke bil-bini ta’ pixxina f’Għawdex u bil-pitch tal-waterpolo f’Birżebbuġa. Huwa semma kif il-politika m’għandha qatt tkun imħallta mal-isport u kollha għandna niġbdu ħabel wieħed għal dan il-għan.
Chris Agius semma kif waslet ukoll fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni l-għażla tal-perit li ser ikun qiegħed jagħmel il-pjanti tal-pixxinaindoor fil-Kottonera. Minbarra dan, aċċenna għall-miżuri tal-budget relatati mal-isport li qed ikomplu jaġevolaw lill-komunità sportiva.
Huwa kompla jgħid li din hija ħolqa oħra mill-katina ta’ wegħdi elettorali li qed jitwettqu fejn qed jiġi ġġenerat il-kumpless tal-pixxina tal-Qroqq. Fil-leġiżlazzjoni li għaddiet, kien iktar importanti li jinbnew faċilitajiet ġodda li mhux dejjem kienu sostenibbli u l-faċilitajiet eżistenti tħallew fi stat dilapidat.
Waqt din l-inawgurazzjoni, is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg spjega li dan il-proġett ikkwalifika taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u ser ikun ibbenefika minn madwar €400,000.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar ukoll li għall-ewwel darba ser ikun hemm madwar €5M Fondi Ewropej li ser ikunu allokati għall-iżvilupp ta’ infrastruttura sportiva f’żoni hekk meqjusa bħala żvantaġġjati. Dawn il-fondi għandhom l-għan li jikkumbattu problemi ta’ esklużjoni soċjali kif ukoll ikomplu jtaffu l-problemi relatati mal-obesità, spejga Dr. Borg.
Dr. Borg temm jgħid li bl-istess mod, permezz tal-investiment ġewwa l-Pixxina Nazzjonali, aktar klijenti ser ikunu qed jirċievu servizzi ta’ kwalità aħjar – anki b’rati sussidjati lil dawk kollha li huma membri – hekk kif il-parteċipazzjoni fl-isports mistennija li tkompli tiżdied.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta, Dr. Luciano Busuttil tkellem dwar ir-relevanza ta’ fondi Ewropej. Huwa ħabbar li SportMalta fetħet dipartiment relatat max-xogħol tal-Unjoni Ewropea sabiex l-entità tkun iżjed relevanti f’dan il-qasam.
Huwa semma li fit-23 ta’ April ser issir konferenza nazzjonali għall-għaqdiet sportivi kollha u NGOs u ħabbar li f’Novembru, SportMalta ser tkun qed tospita aktar minn 300 delegat minn universitajiet differenti għall-Assemblea Ġenerali tal-ENAS.
Related Posts
250,000 euros financial assistance presented by SportMalta to sport associations and athletes
250,000 euros financial assistance presented by SportMalta to sport associations and athletes during the first ceremony for...
European Week of Sport Meeting with Sport Media
As part of the dissemination programme in preparation for the European Week of Sport 2018, SportMalta organised a focus group...