Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima ħabbar investiment ta’ €5.2 miljun f’faċilitajiet sportivi li se jikkonsistu f’ċentru tat-tennis f’Pembroke u ċentru għall-isquash u l-weightlifting fil-Marsa Sports Grounds.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn il-proġetti huma parti mill-viżjoni li se tipprepara lil pajjiżna biex tkun tista’ tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kompla jgħid li biex bħala pajjiż inkomplu niksbu suċċessi f’diversi settur, hemm bżonn li jibqgħu sostnuti t-tkabbir u l-investiment li diġà saru fl-atleti Maltin permezz ta’ dawn it-tipi ta’ proġetti li jgħollu l-livell tal-infrastruttura sportiva f’pajjiżna. Dan kollu jidħol fil-qafas tal-iStrateġija Nazzjonali għall-Isport ta’ pajjiżna, żied is-Segretarju Parlamentari Grima.
Il-proġett taċ-Ċentru tat-Tennis, b’investiment ta’ €2.2 miljun f’Pembroke, se jkun maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi se tara l-bini ta’ sitt tenniscourts li se jinkludu xogħlijiet ta’ tħaffir, tal-elettriku, asfaltar tal-art, fencing mal-madwar u parkeġġ għall-karozzi. It-tieni fażi se tara l-kostruzzjoni ta’ tennis house li se tinkludi uffiċini, boardroom, physio room, gym, lounge, restaurant, bar u store.
Il-proġett taċ- ċentru għall-isquash u l-weightlifting, b’investiment ta’ €3 miljun fil-Marsa Sports Ground, hu pjanat fuq żewġ sulari. Fis-sular ta’ isfel se ssir reception, sitt courts tal-isquash tas-singles, żewġ courts tal-isquash għad-doubles, weightlifting training area, cafeteria u store kif ukoll żewġ fitness centres. Fit-tieni sular se jsiru żewġ netball courts.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil qal li dawn il-proġetti qed isiru kollha b’sinerġija mal-għaqdiet biex kull proġett li jitlesta jkun tal-ogħla livell. B’hekk mhux biss il-players lokali jkollhom fejn jitħarrġu u jikkompetu iżda anke biex atleti barranin jiġu u jużaw dawn iċ-ċentri.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li SportMalta ppreżentat rapport lill-gvern tal-faċilitajiet kollha li l-Kumitat Olimpiku Malti se jkollu bżonn biex Malta tkun tista’ tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-2023. Mark Cutajar semma li tnejn mill-proġetti qed jiġu varati llum u li fiż-żmien li ġej se jitkompla x-xogħol fuq ix-shooting range ta’ Kandja fejn se titlesta t-tieni fażi, se jitkompla x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-kumpless tal-basketball f’Ta’ Qali u li se jsir rinovar tal-faċilitajiet anċillari fil-kumpless tal-Kottonera.
Related Posts
Xterra Off-Road Triathlon set to return
Triathlon scheduled for Sunday 15th April with a strong international Pro field. NEW for this year is the fun 5.5km trail run...
SPORTMALTA AND HOSPICE MALTA TO ORGANIZE FESTA SPORT ON 29TH JUNE
Earlier today at the National Pool tal- Qroqq, Hon. Clifton Grima alongside SportMalta CEO, Mark Cutajar, Hospice CEO, Kenneth...