Move 360 huwa proġett pilota ta’ SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Health Promotion Unit, St James Capua Hospital u l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS). L-għan ta’ dan il-poġett pilota huwa li trawwem f’dawn it-tfal id-drawwa li jieklu tajjeb u li jagħmlu attivita’ fiżika iktar min-normal. Madanakollu Move 360 jmur lil hinn minn hekk, għaliex ser ikun qiegħed jagħmel paragun ma’ tfal oħrajn li mhux qed isegwu l-programm biex eventwalment isir magħruf jekk il-proġett pilota kienx effettiv u jekk laħaqx l-objettiv impost.
L-isem ta’ dan il-proġett pilota kien imnebbaħ fuq it-tema li t-tfal ser jkunu qed jagħmlu 360 minuta t’eżerċizzju iżjed fil-ġimgħa. Dan il-programm qed jieħu ħsieb lit-tfal fi tlett oqsma tal-ħajja tagħhom; l-ikel, l-eżerċizzju u l-lat akkademiku. Il-proġett huwa mifrux fuq medda ta’ sitt xhur, f’liema perjodu ta’ żmien it-tfal ser ikunu taħt osservazzjoni. Filfatt qabel beda dan il-proġett it-tfal ġew eżaminati minn speċjalisti u dawn ser jibqgħu jkunu osservati tul il-proċess kollu. Minbarra dan, it-tfal ser ikollhom ukoll appuntament regolari ma’ dentisti mill-Isptar Mater Dei.
F’dan il-proġett pilota qed jipparteċipaw l-istudenti tal-ħames klassi ta’ tlett kulleġġi; Santa Margerita, San Benedittu u San Ġorġ Preca. Matul l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, saru diskussjonijiet mal-WHO fejn ġie determinat liema gruppi ta’ tfal għandhom jiġu segwiti.
It-tfal tal-Kulleġġ Santa Margerita qed jattendu darbtejn fil-ġimgħa wara l-ħin tal-iskola sal-5.30pm. It-tfal qed ikunu miġbura, permezz ta’ trasport provdut mill-proġett, minn kull skola u meħudha l-Kumpless ta’ SportMalta fil-Kottonera u lura lejn id-dar wara li jispiċċaw is-sessjonijiet. Waqt li jkunu fil-Kumpless, it-tfal qed jippreparaw l-ikel, jieklu, jagħmlu x-xogħol tal-iskola u fuq kollox jagħmlu attivita’ fiżika. It-tfal li huma 25 b’taħlita ta’ subien u bniet mill-Iskejjel tal-Birgu, Bormla, Isla, Kalkara u Xgħajra qed ikunu mgħejuna minn għalliema, Learning Support Assistants u għalliema tal-edukazzjoni fiżika.
Intant Move 360 qed joffri programm speċifiku ta’ attivita fiżika wara l-ħin tal-iskola għat-tfal tal-Kulleġġ San Benedittu. L-għan ta’ dan il-programm huwa li dawn it-tfal iżidu l-attivita’ fiżika f’ħajjithom u b’hekk ikunu aktar b’saħħithom, billi jibqgħu għall-attivitajiet sportivi fir-raħal tagħhom.
Indirizza lil dawk preżenti, l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar li spjega kif dan il-proġett pilota qed jkun offrut b’xejn għas-sitt xhur li ġejjin grazzi għall-ħidma u s-sostenn ta’ bosta entitajiet li qed jaħdmu flimkien ma’ SportMalta. Huwa semma kif dan il-programm jara li jagħti l-ħiliet neċessarji lill-parteċipanti wara l-ġurnata tal-iskola, filwaqt li fakkar li SportMalta ser tkun qed tippreżenta s-sejbiet tagħha fl-aħħar tal-proġett pilota lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u tul il-Presidenza tal-EU, bil-ħsieb li tkun mifruxa fuq il-pajjiż kollu.
Il-Ministru għax-xogħol u l-edukazzjoni Evarist Bartolo semma kif dan il-proġett huwa xempju ta’ prattika tajba li qed iġib flimkien is-settur privat flimkien mas-servizzi tal-gvern. Huwa kompla jgħid li dan il-proġett pilota qed jkun ta’ ġid għal dawn l-istudenti, filwaqt li jara li l-iżvantaġġ soċjali li uħud minnhom jiffaċċjaw ma jkunx żvantagg tul il-ħajja kollha. Huwa temm jgħid li qed jispera li s-sejbiet wara sitt xhur ikunu pożittivi u jkun jista’ jestendi dan il-proġett fuq il-bqija tal-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius li spjega kif bl-għaqal SportMalta kull ma jmur qed tiġġedded u tvarja inizzjattivi innovattivi varji.
Preżenti wkoll iċ-Ċermen ta’ SportMalta Luciano Busuttil u bosta rapreżentanti tal-entitajiet imsieħba f’dan il-proġett fosthom Benna Dairy Products Ltd, Frott Artna, Miller Distributors Ltd u Mater Dei Dentistry Department.
Related Posts
The President’s Solidarity Fun Run 2019
The President’s Solidarity Fun Run 2019, which also happens to be the 11th edition, will be organised in aid of the Malta...
Cospicua was one of the centres for this year’s European Week of Sport activity as one of its traditional docks became a venue...