Minn għada l-familja sportiva nazzjonali ser ikollha iktar minn gimgħa ta’ diskussjoni dwar l-isport f’pajjiżna waqt serje ta’ seminars u workshops. Dawn ser jilħqu l-qofol tagħhom b’Forum Nazzjonali li se jkun mifrux fuq jumejn fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop propju fit-22 u 23 ta’ April 2016.
Il-Forum se jilħaq mhux biss lil dawk li huma direttament involuti fl-isport iżda wkoll setturi oħra li b’mod indirett jew dirett jiġu affetwati mill-isport u li permezz tiegħu jistgħu jtejjbu l-ħajja personali tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius spjega kif dan il-forum qed jilħaq il-viżjoni tal-Gvern li jsir xogħol b’kollaborazzjoni mal-ministeri oħra. Dan għaliex f’dan il-forum, minbarra l-Ministeru tal-Edukazzjoni, huma nvoluti entitajiet oħra fosthom il-PBS, id-dipartimenti tas-saħħa u tas-saħħa mentali, Agenzija Żgħażagħ, LGA, MTA, l-Universita’ u l-MCAST u s-servizz ċivili in ġenerali.
Forum bħal dan sostna s-Segretarju Parlamentari jixhed kemm SportMalta tul dawn l-aħħar snin għaddiet minn żminijiet eċitanti, nteressanti u mpenjattivi. Huwa saħaq li l-entita` ser tibqa timpenja ruħha sabiex tkompli tiġġedded u tissaħħaħ għal ġid tal-isport lokali.
Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, spjega kif se jkun imqassam kemm il-Forum, kif ukoll is-seminars li se jippreċedu dan l-avveniment. Filfatt qabel il- Forum se jkun hemm numru ta’ seminars fosthom l-irwol taċ-ċivil u l-ħaddiema tiegħu fl-isport, l-attivitajiet u l-amalgamazzjoni bejn l-isport u ż-żgħażagħ, l-mod ta’ kif Għawdex u l-Għawdxin jistgħu jtejbu l-livell tagħhom, kif l-isport fl-iskejjel jista’ jtejjeb il-kwalita` u jkun aktar innovattiv u kif il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet jistgħu jersqu lejn xulxin u għalhekk ikunu aktar effettivi.
Huwa tkellem ukoll dwar il-preżentazzjonijiet li se jsiru fil-jumejn tal-Forum fejn jispikkaw temi marbuta mal-Unjoni Ewropeja hekk kif SportMalta dieħla b’entużjażmu kbir għas-sena 2017 u l-Presidenza Maltija. Filfatt se ssir preżentazzjoni minn membri tal-Kummissjoni fosthom il-Kap tal-Programmi Sportivi fl-Unjoni Ewropeja Yves La Losteque, dwar r-rilevanza tal-Presidenza Ewropeja għall-assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet u klabbs li huma reġistrati kif ukoll se jkunu trattati t-temi tal-volontarjat u l-inkluzjoni soċjali li huma priorita’ tal-Presidenza Maltija. Il-Forum se jilqa` wkoll uffiċjali għolja oħrajn minn barra l-pajjiz fejn preżenti se jkun hemm, il-President tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Hockey Marijke Fleuren, l-ex tennista Taljan Nicola Pietrangeli, kif ukoll Marcello Presilla li huwa membru fil-bord maniġerjali ta’ Sport Radar il-kumpanija li tagħmel moniteraġġ tal-imħatri fis-settur Ewropew inkluż f’Malta.
Luciano Busuttil , Cermen ta’ SportMalta qal li dan il-Forum ser iservi sabiex SportMalta u l-Gvern jisma` l-istakeholders kollha li jimiltaw fl-isport, jisma l-esperjenzi tagħhom u wara jimplimenta r-rakomandazzjonijiet li jippreżentaw. Dan il-Forum ser iservi wkoll ta’ pjattaforma ta’ x’nistennew mill-Presidenza Maltija tal-UE. Dr Busuttil saħaq li dan il-forum m’għandux jilħaq biss lil atleti u dawk l-persuni stabbiliti fl-isport imma għandu jkompli jqajjem kuxjenza li l-Isport huwa għal kulħadd.
Ser isiru sitt seminars bejn l-jum ta’ għada u nhar il-Ħamis li ġej biex imbagħad il-Ġimgħa 22 jibda l-Forum Nazzjonali tal-Isport li jintemm is-Sibt 23 ta’ April.
Related Posts
Past and present sport personalities should act as ambassadors to promote clean sport and physical activity. This is the main...
St. Margaret College Verdala Secondary School – SportMalta Schools Sports Day 2023 Event
SportMalta Schools Sports Day brings Fun and Fitness to St. Margaret College Verdala Secondary School. Year 9 students at St....