Gvern għan-nies – Il-gvern permezz ta’ SportMalta jgħaddi 1,338 metru kwadru ta’ art fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin lill-Hibernians Basketball Club biex tiġi żviluppata f’padiljun tal-basketball ġdid
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbar li, wara numru ta’ snin ta’ stennija, il-gvern permezz ta’ SportMalta għadda art fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, b’qies ta’ 1,338 metru kwadru u b’ċens ta’ 45 sena, sabiex tiġi żviluppata f’padiljun ġdid u faċilitajiet anċillari.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega li permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Hibernians Basketball Club se jkollu klabb sportiv kif jixraqlu u li qed ikompli juri l-impenn tal-gvern li jwettaq il-wegħdiet elettorali sportivi tiegħu. Huwa stqarr li dan il-gvern irid irawwem u jsaħħaħ il-kultura sportiva sa mill-etajiet bikrin.
“Bħala gvern, konxji li biex nagħmlu dan irridu ninvestu fil-faċilitajiet sportivi u fl-għaqdiet infushom, u dak huwa li qed nagħmlu llum. Aħna nemmnu li rridu nagħtu l-faċilitajiet u l-għajnuna sabiex il-klabbs sportivi jkunu jistgħu jkomplu jikbru u jtejbu s-servizzi tagħhom. Wara kollox, huma uliedna li jgawdu minn dan kollu. Dan il-gvern huwa mpenjat biex jinvesti sabiex flimkien nagħmlu l-qabża ta’ kwalità li jmiss. Irridu li kull dixxiplina sportiva tingħata l-opportunità li tiffjorixxi”, sostna s-segretarju parlamentari.
Iċ-Chairman ta’ SportMalta Dr Luciano Busuttil tkellem fuq il-bżonn li aktar klabbs u assoċjazzjonijiet jieħdu l-inizjattiva biex jikbru u jidħlu għall-isfidi kif għamel il-Hibernians Basketball Club. B’dan il-mod, bl-art tagħhom, aktar klabbs jistgħu jsiru aktar awtonomi u jżidu l-edukazzjoni sportiva fost it-tfal, żgħażagħ u l-komunità inġenerali.
Dan il-gvern huwa mpenjat li jwettaq diversi proġetti b’risq diversi dixxiplini sportivi differenti, filwaqt li jinċentiva lill-għaqdiet iqumu fuq saqajhom u jissaħħu, u jagħti lill-atleti l-ispazju kollu biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom lejn l-eċċellenza sportiva.
Related Posts
Sports Journalist Lino Bugeja passes away
SportMalta conveys its condolences to the family of Lino Bugeja upon his demise today at the age of 86 years. Lino Bugeja was...
#BEACTIVE – Every Wednesday at 19:00 on TVM2
In line with SportMalta’s new mission to move the nation through physical activity, our entity has embarked on a new project...